

Hongcun (biċ-Ċiniż: 宏村; bil-Pinjin: Hóngcūn; litteralment "il-villaġġ ta' Hong") huwa villaġġ fir-Raħal ta' Hongcun, il-Kontea ta' Yi, Huangshan, fir-reġjun storiku ta' Huizhou tan-Nofsinhar tal-provinċja ta' Anhui, iċ-Ċina, qrib ix-xaqliba tal-Lbiċ tal-muntanja Huangshan.
Flimkien ma' Xidi, il-villaġġ tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000, bis-saħħa tal-preservazzjoni eċċezzjonali tal-arkitettura u tal-ippjanar ta' villaġġ rurali ta' żmien iċ-Ċina fewdali. Xeni mill-film Crouching Tiger, Hidden Dragon inġibdu f'Hongcun.
Storja
Hongcun ġie stabbilit fl-1131 minn Wang Wen, ġeneral ta' żmien id-dinastija Song tan-Nofsinhar. Bħall-familja Hu ġara f'Xidi, il-membri tal-familja Wang saru merkanti għonja u l-popolazzjoni tal-villaġġ kibret minn 1,400 ruħ għal madwar 1,900 ruħ. L-arkitettura u t-tinqix tal-madwar 150 residenza li jmorru lura għal żmien id-dinastiji Ming u Qing jingħad li huma fost l-aqwa tat-tip tagħhom fiċ-Ċina. Waħda mill-ikbar residenzi li hija miftuħa għall-pubbliku, is-Sala ta' Chenzhi, fiha wkoll mużew żgħir.
Il-villaġġ għandu l-għamla ta' gendus, bl-għolja fil-qrib (l-Għolja ta' Leigang) interpretata bħala r-ras, u żewġ siġriet fuqha interpretati bħala l-qrun. L-erba' pontijiet li jaqsmu n-nixxiegħa ta' Jiyin jistgħu jiġu interpretati bħala r-riġlejn filwaqt li d-djar tal-villaġġ jiġu interpretati li jiffurmaw il-ġisem. Fi ħdan il-"ġisem", in-nixxiegħa ta' Jiyin tirrappreżenta l-intestini u diversi lagi bħal-"Lag tan-Nofsinhar" (Nanhu) jiffurmaw l-organi interni l-oħra. Passaġġ fuq l-ilma li għandu xi 400 sena jikkollega kull unità residenzjali maż-żewġ sorsi tal-ilma fil-villaġġ, u l-biċċa l-kbira tat-toroq jinsabu maġenbhom. Dawn it-toroq huma pavimentati bil-granit oriġinali tal-Kontea ta' Yi. Ir-residenzi tipiċi tal-villaġġ fihom bitħa ċentrali mdawra b'niċeċ simetriċi bil-kmamar, għalkemm hemm djar privati ferm ikbar taċ-ċittadini għonja.
"Yuezhao" (Moon Pond)
"Yuezhao" (Moon Pond)
Nanhu Academy
Sit ta' Wirt Dinji
Il-Villaġġi Antiki fin-Nofsinhar ta' Anhui – Xidi u Hongcun ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".
Trasport
Il-karozzi tal-linja huma disponibbli mill-Venda tal-Karozzi tal-Linja ta' Huangshan. Hemm karozzi tal-linja wkoll mill-Venda ta' Tangkou lejn Hongcun. Il-Venda tal-Karozzi tal-Linja ta' Tangkou tinsab fil-bażi taż-Żona Xenika ta' Huangshan.