Ernesto Guevara, magħruf aħjar bħala Ernesto Che Guevara, Che Guevara, jew sempliċement, iċ-Che (twieled f'Rosario, l-14 ta' Ġunju 1928 – miet f'La Higuera, id-9 ta' Ottubru 1967) kien rivoluzzjonarju u gwerillier Arġentin.
Il-laqam "Che" ngħatalu mill-ġellieda Kubani sħabu fil-Messiku, u ġej mill-fatt li huwa, bħall-Arġentini kollha, ilissen ta' spiss il-lokuzjoni "che". Il-kelma ġejja mil-lingwa Mapuche u tfisser "raġel", "persuna", u din daħlet fl-Ispanjol mitkellem fl-Arġentina u l-Urugwaj biex tiġbed l-attenzjoni ta' interlokutur, jew ġeneralment, bħala mod ta' esklamazzjoni simili għal "ej!". Guevara kien membru tal-Moviment 26 ta' Lulju li, wara s-suċċess tar-Rivoluzzjoni Kubana, ġie maħtur bħala l-gvern il-ġdid, u kien l-iktar persuna b'saħħitha wara Fidel Castro. Wara l-1965, telaq minn Kuba sabiex "jesporta r-rivoluzzjoni", l-ewwel fl-eks Kongo Belġjan (illum ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo), u iktar tard il-Bolivja. Fit-8 ta' Ottubru 1967 ġie ferut u nqabad minn grupp anti-gwerilla tal-eżerċtu Bolivjan - assistit mill-forzi speċjali tal-Istati Uniti tas-CIA - f'La Higuera, fil-provinċja ta' Vallegrande (id-dipartiment ta' Santa Cruz). L-għada, inqatel fi skola tal-villaġġ. Il-katavru tiegħu, wara li kien espost għall-pubbliku f'Vallegrande, indifen f'post sigriet u nstab minn missjoni ta' antropologi forensiċi Arġentini u Kubani, awtorizzati mill-Gvern Bolivjan ta' Sanchez de Lozada, fl-1997. Minn dakinhar, il-fdalijiet tiegħu tpoġġew fil-Mawżolew ta' Santa Clara ta' Kuba.
