Il-ġeneru Chamaerops jiġbor fih pjanti li jwarrdu mill-familja Arecaceae. Dan il-ġeneru fih speċi waħda biss, ix-Chamaerops humilis L., li bil-Malti jisimha l-Ġummar Safrani u European Fan Palm jew Mediterranean Dwarf Palm bl-Ingliż. Din il-palma hija waħda mill-aktar palm li jifilħu għall-kesħa u tintuża fit-tisbiħ tal-art fil-pajjiżi tat-tramuntana.
Tassonomija
Minbarra l-isem aċċettat tax-Chamaerops humilis, hemm bosta ismijiet sinonimi li tqegħdu taħt dan l-isem. Il-Ġeneru Chamaerops huwa relatat mill-qrib mal-ġeneru Trachycarpus. Il-ġeneru Trachycarpus huwa differenti mill-ġeneru Chamerops għax jikber b'zokk wieħed biss mingħar bgħula, z-zkuk tal-weraq m'għandhomx xewk bħal tax-Chamaerops u hemm differenzi żgħar fl-anatomija tal-fjuri.
Sottospeċi
Bħala sottospeċi tax-Chamerops humilis, hemm żewġ varjetajiet aċċettati:
- Chamaerops humilis var. argentea (Anon.) André – "Atlas mountains palm" mill-Majjistral tal-Afrika. B'weraq ta' lewn aħdar fil-blu.
- Chamaerops humilis var. humilis – tinstab fl-Lbiċ tal-Ewropa. Għandha weraq aħdar.
Hemm ukoll bosta varjetajiet ornamentali fosthom: ix-C. humilis var. humilis 'Nana', ix-C. humilis 'Vulcano', u ix-C. humilis 'Stella'. Dawn huma differenti morfoloġikament mix-Chamaerops humilis li tikber fis-selvaġġ. Pereżempju, ix-C. humilis 'Vulcano' għandha forma kompatta, bla xewk u b'weraq fiddieni, li m'għandux kulur qawwi daqs tal-var. argentea. Fiilwaqt li l-weraq tal-'Vulcano' għandhom tendenza li jkunu eħxen u l-pjanta hija aktar kabbarija mill-varjeta humilis u var. argentea.
Deskrizzjoni

Ix-Chamaerops humilis hija palma li tikber f'forma ta arbuxell, b'diversi zkuk jikbru minn bażi waħda li minnha joħorġu għeruq ħoxnin taħt l-art. Hi tipproduċi weraq tawwali forma ta' mrewħa li jkun iebes u iniggeż bil-ponta, kif ukoll l-għonq tal-werqa li jkun inwaħħal maz-zokk prinċipali jkollu x-xewk fuq kull naħa.
Il-pjanta tikber bil-mod ħafna fejn eventwalment tilħaq tul ta' bejn 2–5 metru (10-20 pied), b'diametru ta' 20–25 ċm (8-10 pulzieri).
Il-weraq għandu forma ta' mrewħa li jkun maqsum f'10-20 fuljett għal kull werqa. Kull werqa jaf jkollha tul ta' 1.5 m (5 piedi), bil-fuljetti jkollhom tul ta' 50–80 ċm-il wieħed (20-30 fi).
L-għonq tal-werqa huwa armat b'bosta xewk li jaqta', bħall-labra; dawn jipproteġu l-punt tat-tkabbir taz-zokk mir-ragħa tal-annimali.
L-inflorexxenza tiżviluppa fuq għenuq qosra 'l fuq nett taz-zokk taħt il-weraq prinċipali. Il-pjanti ġeneralment, jkollhom fjuri maskili u femminili fuq pjanti separati għalkemm instabu pjanti b'kemm fjuri maskili kif ukoll femminili. In-numru ta' fjuri f'kull inflorexxenza huwa varjabbli ħafna kemm għal pjanti maskili, kif ukoll femminili, li jiddependi skont id-daqs tal-fjoritura. Il-fjuri femminili jkollhom tlett ovarji. Il-Frott mhux misjur huwa aħdar jgħajjat, li jsir lewn isfar matt u eventwalment kannella, hekk kif jimmatura matul il-ħarifa bejn Settembru-Diċembru. Iż-żerriegħa jkollha rimja f'forma ta' embrijun ċilindriku żgħir, li jkun mdawwar b'diversi saffi, minn ġewwa għal barra f'din l-ordni kif ġej:
- endosperma nutrittiva,
- endokarp wiesa' li huwa magħmul mill-injam,
- mesokarp imlaħħam u fibruż (il-polpa), u
- l-exokarp li huwa s-saff irqiq ta' barra; il-qoxra tal-frotta.
Distribuzzjoni
Ix-Chamaerops humilis hija waħda miż-żewġ speċi tal-palm li huma indiġeni għall-Ewropa kontinentali, bl-oħra hija Phoenix theophrasti. Tinstab prinċipalment fil-Lbiċ tal-Ewropa, fuq il-kosta tan-nofsinhar ta' Spanja u l-Portugall, fin-Nofsinhar u ċ-ċentru tal-Italja, partijiet tal-kosta Mediterranea ta` Franza u Monako, fil-gżejjer ta' Malta, Sqallija, Sardinja, Korsika u l-Gżejjer Baleariċi. Kif ukoll fl-Afrika ta ' fuq, fil-Marokk, fl-Alġerija u fit-Tuneżija. Hija waħda mill-aktar palm li tikber fit-Tramuntana tal-Ewropa u b'mod naturali fid-dinja, bl-aktar palma li tikber b'mod naturali tinstab f'Genova, l-Italja, f'44°N. Għalkemm ma tikbirx b'mod naturali 'l bogħod mit-Tramuntana tal-Mediterran, Chamaerops humilis xorta titkabbar fl-ortikoltura fit-Tramuntana, saħansitra sal-Ingilterra. Għalkemm bit-tisħin globali l-firxa tax-Chamaerops humilis se tiżdied l-aktar lejn it-tramuntana tal-Mediterran fil-futur.
Fil-Gżejjer Maltin, ix-Chamaerops humilis hija frekwenti f'ġonna pubbliċi storiċi, fosthom l-Argotti u fil-ġonna ta' San Anton. Din il-pjanta hija rari ħafna fis-selvaġġ minħabba li sal-bidu tas-seklu għoxrin ħafna individwi kienu nqalgħu sabiex jinżraw fil-ġonna. Fil-fatt, din l-ispeċi hija mnizzla fir-Red Data Book tal-Gżejjer Maltin bħala speċi mhedda fl-ambjent naturali tagħha u hija protetta bil-ligi. Għalkemm illum il-ġurnata din l-ispeċi ta' palma xi kultant tinstab f'postijiet adattati fejn l-abitat jkun ġie rresstawrat.
Kultivazzjoni
Chamaerops humilis hija pjanta wżata ħafna fit-tisbiħ tal-art f'ħafna pajjiżi. Minħabba li hija tolleranti għan-nixfa ladarba tistabilixxi ruħha. Kif ukoll tiflaħ għall-kesħa sa −12 °C (10 °F), iżda tippreferi Sjuf sħan.
Varjeta` tax- Chamaerops humiilis b'weraq ta' lewn blu, li hija indiġena għal elevazzjonijiet għoljin tal-Muntanji Atlas, reċentament ġiet introdotta fil-kummerċ u hija aktar reżistenti għall-kesħa mill-forma ħadra.
Ekoloġija


Chamaerops humilis għandha firxa wiesgħa f'art naturali fil-makkja u fix-xagħri ta' ħdejn il-baħar. Hija tiflaħ għan-nirien billi terga' itella mill-għeruq ta' taħt l-art u miz-zkuk li jkunu inħarqu. Fatturi bħal dawn jagħmlu l-ispeċi ekoloġikament importanti fil-prevenzjoni tal-erożjoni u d-deżertifikazzjoni. Kif ukoll sabiex jipprovdu kenn u ikel għal ħafna speċi ta’ annimali. Fosthom il-badgers, il-volpi u l-fniek.
Chamaerops humilis twarrad fir-rebbiegħa, tipikament minn April sa Mejju. Din l-ispeċi tiddakkar kemm bir-riħ, kif ukoll permezz ta' insetti pollinaturi. Speċi waħda ta' bumunqar biss ta’ insett hija magħrufa li idakkarha, il- Derelomus chamaeropsis, mill-familja Curculionidae. Din hija forma ta' relazzjoni fejn koppja ta' din l-ispeċi issir pjanta tajba għaliha fejn jsibu l-kenn, jbidu l-bajd u jieklu l-inflorexxenza sa tmiem it-twarrid
Fi żmien it-twarrid, kemm il-pjanti maskili kif ukoll femminili tax-Chamaerops humilis jattiraw il-pollinaturi tagħhom billi jipproduċu kimika partikolari li tattira l-insetti, iżda karatteristika mhux tas-soltu hija li r-rwejjaħ tagħhom jkunu ġejjin mill-weraq, u mhux mill-fjuri. Lejn l-aħħar tat-twarrid, il-bumunqar jħalli l-pjanta u jfittex pjanta oħra tax-Chamaerops humilis.
L-iżvilupp tal-larva tal-bumunqar Derelomus chamaeropsis iseħħ fi ħdan l-għonq il-fjuri tal-pjanti maskili matul il-ħarifa u x-xitwa. Fil-bidu tal-perjodu ta' inflorexxenza li jmiss, bumunqar adulti joħorġu minn zkuk niexfa u fraġli tal-inflorexxenza maskili tas-sena ta' qabel. Dawk li jfaqqsu fil-pjanti femminili jmutu mingħajr ma jikkonkludu l-iżvilupp tagħhom. Dan minħabba li x-C.humilis hija adattata sabiex tipprevjeni din l-ispeċi tal-bumunqar milli jeqred l-inflorexxenza femminili li eventwalment tagħmel iż-żerriegħa.
Studji sabu li l-bumunqar ibid l-bajd fi ħdan l-inflorexxenza femminili, iżda hekk kif iż-żrieragħ jibdew jiżviluppaw, il-bajd jew larva jieqfu milli jkomplu jiżviluppaw. Min-naħa l-oħra, l-inflorexxenza maskili jispiċċaw wara l-pollinazzjoni, għalhekk huwa vantaġġuż għall-bumunqar li jlestu ċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u kenn fil-fjuri maskili, u b'hekk jibqgħu disponibbli bħala dakkara meta joħorġu fl-istaġun ta' wara.
Meta l-polpa tal-frotta tax-Chamaerops humilis tkun misjura, din għandha bosta funzjonijiet importanti.
- Meta tkun misjura, il-polpa għandha riħa qawwija ta' butir li mar u b'hekk taġixxi bħala turija ta' ikel għal frugivori ta' bil-lejl, li ħafna minnhom huma mammiferi karnivori bħal l-badgers u l-volpijiet.
- Il-polpa tipprevvjeni it-tfellis taż-żerriegħa u tiżgura li ż-żerriegħa ma tfellisx sakemm tkun imxerrda.
- Il-polpa taġixxi wkoll bħala ostaklu kimiku jew fiżiku kontra l-predaturi taż-żerriegħa invertebrati, tipikament ħanfus, u b'mod partikolari l-bumunqar.
Minħabba l-karatteristiċi tal-polpa, il-palma kemm tibbenefika kif ukoll tbati konsegwenzi ħżiena meta l-karnivori jieklu l-frotta u b'hekk ineħħu l-polpa. Min-naħa l-oħra, ż-żrieragħ li jieklu l-karnivori, jfellsu aktar malajr minn żrieragħ li baqgħu fil-frotta. Għalkemm iż-żrieragħ li jittieklu jiġu meqruda aktar ta' spiss minn pesti invertebrati milli miż-żrieragħ li ma ittieklux. Madankollu, minħabba l-mobilità tal-karnivori, is-servizz tat-tixrid tagħhom huwa importanti immens għax-Chamaerops humilis, speċjalment minħabba li l-biċċa l-kbira tal-poplazzjonijiet ta' din l-ispeċi ta' palma fil-Mediterran huma sparpaljati u iżolati,filwaqt li l-ambjent naturali tagħhom qed isir dejjem aktar żviluppat.
Il-fungus Coniothyrium palmarum li nstab assoċjat mat-tikek tal-weraq fuq il-Palma tat-Tamal (Phoenix dactylifera) fl-Indja u f'Ċipru, nstab ukoll fuq l-għenieqed ta' weraq mejtin tax-Chaemerops humilis fl-Italja.
Użu tradizzjonali
Minbarra l-benefiċċji materjali li din il-pjanta toffri lill-bniedem, ix-C.humilis għandha valur emozzjonali bħala komponent tipiku tax-xagħri u l-makkja fl-ambjent naturali matul il-kosta tal-Mediterran.
Il-weraq ta' pjanti maturi jintużaw sabiex isiru xkupi u għall-insiġ ta' twapet, basktijiet tal-ġarr, u oġġetti simili. Għal xogħol aħjar, il-weraq iż-żgħar li ma jkunux miftuħin jiġu trattati bil-kubrit biex jirtab u minnu jsir il-ħjut imsejħa fibra.
Il-qoxra tal-frotta, magħrufa fin-Nofsinhar ta’ Spanja bħala “higa”, tittiekel qabel mal-frotta timmatura u ssir iebsa wisq biex tittiekel. Minħabba t-togħma qarsa u l-kontenut għoli ta’ tannin li fiħ, il-frott ma jintużax biex jittiekel, iżda fil-mediċina tradizzjonali tintuża bħala astringenti.
Fil-mediċina tradizzjonali fil-Marokk, il-frott jitgħaffeġ u jintuża biex issir duwa kontra mard tal-fwied u d-dijabete.
Konservazzjoni
L-iżvilupp u attivitajiet oħra tal-bniedem qed jeqirdu l-abitat naturali b'rata mgħaġġla ta' din l-ispeċi, li qed jitqajjem tħassib dwar il-futur ta' din l-ispeċi ta' palma u l-ambjent tagħha. Għaldaqstant, hemm żieda fil-motivazzjoni sabiex jsiru regolamenti li jipproteġu kemm l-ambjent fejn din tinstab, kif ukoll l-ispeċi li jikbru f'assoċċjazzoni magħha.
Problema oħra rigward il-konservazzjoni ta' din l-ispeċi hija li fil-firxa naturali tagħha fit-Tramuntana, ix-Chamaerops humilis hija mhedda serjament minn speċi ta' kamla introdotta mill-Amerika t’Isfel bl-isem ta' Paysandisia archon. Din il-palma hija affettwata ukoll mill-introduzzjoni ta' speċi ta' palm ornamentali relatat minħabba l-introduzzjoni ta' predaturi taż-żerriegħa ma' dan il-palm ornamentali bħal Coccotrypes dactyliperda u Dactylotrypes longicollis li jieklu iż-żerriegħa kemm tal-palm introdott kif ukoll tax-Chamaerops humilis.
